Stqarrija | Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali flimkien mal-MCCAA
Is-sustanza attiva klorpirifos hija wżata bħala insettiċida fis-settur agrikolu biex teqred firxa wiegħsa ta’ insetti u pesti oħra, biex tipproteġi pjanti u frott imkabbar fl-għelieqi. Is-sustanza hija approvata għall-użu fl-Unjoni Ewropea sa’ Jannar 2020.
Il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima flimkien mal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur qed jirtiraw bħala mezz ta’ prekawzjoni u proattività, il-prodotti kollha għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-chlorpyrifos bħala sustanza attiva. Dawn il-prodotti m'għandhomx jinbiegħu, jitqassmu, jinħażnu jew jintużaw, b'effett immedjat.
Dawn huma l-prodotti affetwati: CENTURIO, DURSBAN, PISON, RELDAN 22, ZELIG GR 50
Din il-miżura qiegħda tittieħed wara li l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ippublikat ilkonklużjonijiet tagħha dwar l-effetti fuq is-saħħa, attribwiti mal-użu tas-sustanza “chlorpyrifos”, fil-31 ta’ Lulju 2019.
L-irtirar ta’ dawn il-prodotti huwa bbażat fuq din id-dikjarazzjoni tal-EFSA, li espremiet tħassib dwar effetti newroloġiċi matul l-iżvilupp fit-tfal. Dan qiegħed isir fid-dawl li f’dan l-istadju ebda livell ta' esponiment sikur jew valur ta' referenza tossikoloġika, ma qed jiġu stabbiliti għas-sustanza.
Malta hija wahda minn numru ta pajjizi (s’issa 8) li qiegħda tiehu tali deċizjoni. Huwa biss 8% tal-prodotti importati li ġejjien minn dawn il-pajjiżi. Għaldaqstant b’din il-miżura proattiva l-konsumatur Malti għandu jkun aktar kunfidenti fil-prodott agrikolu Malti.
Ġiet ippreparata lista li fiha hemm inkluż prodotti alternattivi li jistgħu jintużaw skond l-uċuħ u l-insetti partikolari li jridu jiġu kkontrollati.
Il-prodotti li fihom din is-sustanza attiva u li huma maħżuna għand il-bdiewa ħa jiġu miġbura mill-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima. Aktar dettalji ser jiġu ikomunikati lil bdiewa fil-ġranet li ġejjien.
Dwar informazzjoni relatata mal-biedja individwu jista’ jcempel fuq 80072213.
Dwar informazzjoni relatata ma’ aspetti ta konsumatur individwu jista jcempel fuq 23952000.