Aktar minn 5,000 spezzjoni biex ikunu protetti l-konsumaturi
Matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu, l-MCCAA għamlet aktar minn 5,000 spezzjoni u ħadet azzjoni fuq 52 każ fejn instab li kien hemm nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti.
L-Awtorità twettaq spezzjonijiet regolari madwar Malta u Għawdex biex tassigura l-ħarsien tar-regolamenti relatati mal-konsumaturi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha. Din il-ħidma tinkludi fost oħrajn spezzjonijiet, inklużi, imma mhux limitati, fuq indikazzjoni tal-prezz u s-sigurtà tal-prodott.
Matul Lulju u Awwissu, saru ’l fuq minn 3,000 spezzjoni dwar l-indikazzjoni tal-prezzijiet fi stabbilimenti varji. Minn dawn, ftit aktar minn 250 spezzjoni saret f’Għawdex. 19-il stabbiliment ma nstabux f’konformità mal-regolamenti stabbiliti. Bħala azzjoni fuq dawn in-nuqqasijiet, l-MCCAA ħarġet twissija lil dawn l-istabbilimenti, b’15 minnhom diġà rregolarizzaw ruħhom, filwaqt li l-erbgħa l-oħra ser ikunu spezzjonati mill-ġdid fil-jiem li ġejjin. Dawn l-ispezzjonijiet isiru biex nassiguraw li l-konsumaturi jkunu mgħarrfa bil-prezzijiet tal-prodotti u b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu deċiżjoni tax-xiri aħjar.
Spezzjonijiet dwar is-sigurtà tal-prodotti
Matul dan il-perjodu, saru wkoll numru ta’ spezzjonijiet fuq prodotti bil-għan li jaraw li dawn il-prodotti fuq is-suq ikunu siguri, ġew spezzjonati ’l fuq minn 2,000 prodott. Dawn l-ispezzjonijiet saru fuq varjetà ta' prodotti, inklużi ġugarelli, liftijiet, pestiċidi, kimiċi, deterġenti, kożmetiċi, appliances, u aktar. Minn dawn l-ispezzjonijiet irriżulta li 33 prodott ma kinux siguri għall-konsumaturi u b’konsegwenza ġew imneħħija mis-suq.
L-operaturi kummerċjali huma mfakkra biex jassiguraw li l-prodotti mqiegħda fuq is-suq ikunu konformi mar-regolamenti tas-sigurtà applikabbli fl-Ewropa, u li l-prodotti kollha għall-bejgħ ikollhom il-prezz indikat tajjeb u ċar.
Ilmenti jew rapporti ta’ nuqqasijiet jistgħu jsiru fuq il-freephone 80074400 jew billi timtela l-formula online fuq https://mccaa.org.mt/home/infringement.
Għal aktar informazzjoni dwar l-MCCAA wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.mccaa.org.mt.